Press Release Launch of Only Made in Gozo


IL-GVERN JAPPOĠĠJA LIS-SETTUR PRIVAT F’INIZJATTIVI INNOVATTIVI LEJN GĦAWDEXReference Number: PR140072, Press Release Issue Date: Jan 16, 2014

Dalgħodu l- Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo u mart il-Prim Ministru s-Sinjura Michelle Muscat niedew kunċett ġdid għal Għawdex bl-isem ta’ Only Made in Gozo immexxi ‘l quddiem mid-Direttur Maniġerjali ta’ Sapphire Real Estate Services, Jane Chircop.

Dan il-kunċett huwa mod ġdid kif jiġi attirat investiment barrani permezz ta’ bejgħ ta’ propjetajiet tipikament Għawdxin.Il-ħsieb hu li tingħata identita’ speċjali lil kull propjeta’ eco-friendly u prominenza lir-raħal li tinstab fih.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Anton Refalo spjega kif permezz ta’ dan il-proġett inħolqot niċċa ta’ turiżmu lejn Għawdex. Żied jgħid li din hija parti mill-istrateġija li l-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem favur proġetti innovattivi u kreattivi li kapaċi joħolqu x-xogħol f’din il-gżira.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq li t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex qed isir b’għaqal u rispett sħiħ lejn il-patrimonju u l-ambjent Għawdxi. Fl-indirizz tagħha s-Sinjura Michelle Muscat spjegat li l-Gvern għandu viżjoni għal Għawdex u faħħret il-proġett Only Made in Gozo għaliex se jkun qed jiġġenera l-ekonomija f’din il-gżira.

Fid-dawl li d-Direttur Maniġerjali ta’ dan il-proġett hija mara, s-Sinjura Muscat appellat biex aktar nisa jħarsu lejn il-qasam intraprenditorjali li joffri opportunitajiet internazzjonali.

Is-Sinjura Michelle Muscat temmet l-indirizz tagħha billi aċċennat li l-Gvern se jkun ta’ spalla mas-settur privat sabiex nilħqu livelli ta’ suċċess.

http://www.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/2014/January/16/pr140072.aspx

pr140072b pr140072a pr140072c